
Għaxar snin ilu, Darren Kelly telaq mill-Irlanda u mar il-Ġermanja biex ifittex karriera fl-iżvilupp tal-logħob, bl-appoġġ tal-EURES. Illum il-ġurnata huwa żviluppatur ewlieni b’10 snin esperjenza li huwa kiseb fi studios f’Berlin u fi Munich. Darren issa qed jippjana li jirritorna l-Irlanda u li jibda n-negozju tiegħu stess – u għamel kuntatt biex jirringrazzja lill-EURES għal dak l-appoġġ inizjali.
“Nixtieq ngħid grazzi kbira lill-EURES talli għinni nagħmel l-ewwel pass fl-industrija tal-logħob,” qal Darren. “Hija industrija notorjament diffiċli biex tibda taħdem fiha mingħajr ebda esperjenza. Ma nafx kif kienet tkun ħajti kieku ma ingħatajtx dik l-ewwel daqqa t’id.”
Mill-Irlanda għall-Ġermanja
Darren, ta’ 31-il sena, minn Clane f’Co. Kildare, ikkuntattja lill-EURES għall-ewwel darba fl-2015 meta kien għadu kif iggradwa minn South East Technological University f’Carlow b’BSc fl-Iżvilupp tal-Logħob tal-Kompjuter u kien qed ifittex l-ewwel impjieg fl-industrija tal-logħob. Meta Darren ma setax isib dak li kien qed ifittex fl-Irlanda, beda jfittex barra mill-pajjiż – u ħa sehem fi skema tal-EURES għall-iżvilupp tal-animazzjoni u tal-logħob. Din l-iskema għenitu jsib l-ewwel impjieg tiegħu fl-industrija tal-logħob – f’Berlin.
F’dak iż-żmien, l-EURES tal-Irlanda kellu kooperazzjoni stabbilita ma’ xi kumpaniji Ewropej fl-industrija tal-logħob u tal-animazzjoni li kienu qed joffru kollokamenti għall-gradwati. Taħt il-proġett, xi wħud mill-ispejjeż tar-rilokazzjoni ġew koperti mill-EURES tal-Irlanda. Darren kien wieħed mill-parteċipanti Irlandiżi li ġie offrut kollokament fil-Ġermanja.
“Dan għenni nagħmel l-ewwel pass u nibda fl-industrija,” qal Darren. Għalkemm kien ippjana li jagħmel kors tal-lingwa bl-appoġġ tal-EURES qabel ma mar il-Ġermanja, il-kumpanija li offrietlu impjieg riditu jibda mill-aktar fis possibbli. Filwaqt li seta’ jitkellem bl-Ingliż fuq il-post tax-xogħol, it-tagħlim tal-lingwa permezz ta’ korsijiet fil-Ġermanja għenuh biex jinnaviga fil-ħajja ta’ kuljum b’mod aktar faċli.
Għall-ewwel sentejn u nofs, Darren għex u ħadem f’Berlin. Imbagħad mar jgħix Munich, il-Bavarja, u llum jaħdem mill-bogħod, mid-dar tiegħu f’Augsburg. Matul l-aħħar għaxar snin, il-karriera tiegħu żviluppat u issa huwa żviluppatur ewlieni, b’sett ta’ ħiliet tekniċi b’saħħithom u b’esperjenza kbira.
“Veru ħadt gost f’din l-esperjenza,” qal Darren. “Nirrakkomandaha ħafna. Għamlitni persuna aħjar. Kbirt b’mod li ma naħsibx li kien jirnexxieli nikber li kieku bqajt noqgħod id-dar fl-Irlanda, f’termini tal-indipendenza, il-karriera u l-ħajja personali tiegħi.”
Pjanijiet għall-futur
Issa Darren għandu pjanijiet li jirritorna lejn l-Irlanda – li bħalissa qed tinvesti fis-settur tagħha tal-logħob diġitali li qed jikber, permezz ta’ diversi miżuri, inklużi krediti fiskali. Huwa għandu l-għan li jiftaħ studio tal-logħob bħala start-up. “Nixtieq nibda fuq skala żgħira,” spjega, “nibni għodod u teknoloġija tal-logħob tajbin ħafna li nista’ nbigħ waqt li niżviluppaw il-logħob tagħna stess.”
Huwa jżid jgħid: “Qatt mhu żmien tajjeb biex tiftaħ kumpanija, iżda f’xi punt jeħtieġ li tieħu r-riskju! Se nibda bil-mod, u se nipprova nibni flussi ta’ dħul b’għodod li ili niżviluppa qabel ma naqbeż f’din il-ħolma ambizzjuża.
“Nemmen li s-sett ta’ ħiliet u l-esperjenza unika tiegħi matul il-karriera tiegħi għallmuni ħafna dwar kif toħloq u topera l-logħob fuq skala u x’għodod għandek bżonn biex tagħmel dan. Għandi wkoll xi ideat dwar kif noħloq għodod għall-magna tal-logħba Unity għall-kumpanija tiegħi biex teċċella u tħaffef il-proċess ta’ żvilupp maż-żmien.”
Kif l-EURES jista’ jgħin illum
Persuni Ewropej li qed ifittxu impjieg bħal Darren issa jistgħu jibbenefikaw mill-Iskema ta’ Mobilità Mmirata tal-EURES. Taħt din l-iskema, iċ-ċittadini tal-UE li jirrilokaw biex jaħdmu f’pajjiż ieħor tal-UE jistgħu jirċievu appoġġ finanzjarju biex ikopru l-ispejjeż tal-ivvjaġġar għall-intervisti, ir-rilokazzjoni, it-taħriġ fil-lingwi u r-rikonoxximent tal-kwalifiki tagħhom.
Kamila Weglicka de Carvalho, tal-Uffiċċju ta’ Koordinazzjoni tal-EURES tal-Irlanda, qalet: “Huwa pass kbir li persuna tirriloka f’pajjiż ġdid biex tibda impjieg ġdid u stil ta’ ħajja ġdid. L-EURES jista’ jagħmel din id-deċiżjoni ftit aktar faċli billi jgħinek issib xogħol qabel ma titlaq mill-pajjiż u joffri appoġġ finanzjarju biex jgħin fl-ispejjeż tar-rilokazzjoni.”
Ikklikkja biex taqra aktar dwar l-istrateġija tal-Irlanda għat-tkabbir fis-settur tal-logħob diġitali.
Links relatati:
L-għajxien u x-xogħol fil-Ġermanja
L-għajxien u x-xogħol fl-Irlanda
L-istrateġija ta’ tkabbir tas-settur tal-logħob diġitali tal-Irlanda
Aqra aktar:
Il-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol fil-pajjiżi tal-EURES
Bażi tad-data tal-Impjiegi tal-EURES
Is-servizzi tal-EURES għall-Impjegaturi
Il-Kalendarju tal-Avvenimenti tal-EURES
Avvenimenti Online li ġejjin
L-EURES fuq Facebook
Il-EURES fuq X
L-EURES fuq LinkedIn
L-EURES fuq Instagram
Dettalji
- Data tal-pubblikazzjoni
- 12 Mejju 2025
- Awturi
- L-Awtorità Ewropea tax-Xogħol | Id-Direttorat Ġenerali tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni
- Temi
- Negozju/Intraprenditorija
- Kaxxa tal-għodda tal-UE għall-mobilità
- Taħriġ EURES
- Ideat u Suġġerimenti
- Aħbarijiet interni tal-EURES
- Aħbarijiet dwar is-suq tax-xogħol/aħbarijiet dwar il-mobilità
- Aħbarijiet/rapporti/statistika
- Xejriet ta' reklutaġġ
- Żgħażagħ
- Sezzjoni(jiet) relatati
- Is-Servizzi tal-EURES
- Għajnuna u appoġġ
- Ideat u Suġġerimenti
- Informazzjoni dwar is-Suq tax-Xogħol
- L-Għajxien u x-Xogħol
- Settur
- Arts, entertainment and recreation
- Education
- Information and communication
- Other service activities